Kim Jong-un u l-President ta’ l-Istati Uniti Donald Trump mistennija jiltaqgħu għal-laqgħa storika f’Mejju li ġej wara li Trump laqa’ l-istedina tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq.
Kienu uffiċjali għolja mill-Korea t’Isfel ġewwa Washington li ħarġu l-aħbar tal-istedina wara li għaddew ittra lill-White House f’isem Kim Jong-un.
Inkluż fl-ittra intqal ukoll li Un ser ikun qed itemm ħesrem testijiet nuklear flimkien mal-użu ta’ armamenti nukleari.
Il-President Amerikan tenna li dawn l-aħħar żviluppi huma sinjal ta’ progress kbir iżda xorta s-sanzjonijiet fuq il-Korea ta’ Fuq ser jibqgħu fis-seħħ sakemm jintlaħaq ftehim.
Għalkemm il-Korea ta’ Fuq ma ħarġet l-ebda reazzjoni uffiċjali għal-kummenti ta’ Trump, l-aħħar żviluppi huma meqjusa bħala żblokk kbir wara xhur ta’ theddid u vjolenza.
Hekk kif issa tibda l-istennija, l-ispekulazzjonijiet fuq id-dettalji ta’ din il-laqgħa diġa bdew hekk kif l-analist Michael Madden mill-US-Korea Institute stqarr li din tista’ issir fil-villaġġ ta’ Panmunjom fil-Korea ta’ Fuq. Minn naħa l-oħra Dr John Park mill-Korea Working Group issuġġerixxa li l-laqgħa tista ssir f’post newtrali bħaċ-Ċina.