Il-President Amerikan Donald Trump kompla bil-kampanja tiegħu għall-elezzjoni presidenzjali li tinsab ftit jiem ‘il bogħod, wara li xeħet il-vot tiegħu fi Florida.
Trump żar l-istati ta’ North Carolina, Ohio u Wisconsin sabiex jipprova jnaqqas id-distakk li għandu minn mar-rival tiegħu Joe Biden. Skont l-opinjoni pubblika, Biden jinsab fuq quddiem f’din it-tellieqa li se tiġi fi tmiemha fit-3 ta’ Novembru li ġej. Il-kandidat Demokratiku żar l-Istat ta’ Pennsylvania, stat ikkunsidrat fost l-aktar importanti hekk kif kapaċi jdawwar il-vot.
Il-President Amerikan baqa’ jagħmel attivitajiet tal-massa minkejja żieda qawwija fin-numru ta’ infezzjonijiet tal-COVID-19 fl-Amerika u li qed tolqot b’mod partikolari stati meqjusa ta’ importanza kbira li jiddeċiedu r-riżultat elettorali.
Sal-jum tas-Sibt diġà ntefgħu madwar 57 miljun vot, numru kkunsidrat rekord xprunat mill-pandemija.