Il-qasma bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, u l-mexxejja tal-grupp G7 kienu evidenti sa mill-ewwel jum tas-summit ta’ jumejn.
Fl-ewwel jum, Trump ħasad lil kulħadd meta għamel talba sorpriża biex ir-Russja terġa’ tiddaħħal f’dan il-grupp.
Minn naħa tagħha, l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel mill-ewwel qalet lil Trump li l-mexxejja kollha mill-Unjoni Ewropea lkoll huma kontra din l-idea.
Intant qamu battibekki wkoll dwar il-kwistjoni tal-tariffi li żied Trump fuq l-importazzjoni tal-metall, xi ħaġa li mill-ewwel qajmet il-kundanna ta’ bosta mexxejja madwar id-dinja.
Wara li ltaqa’ mal-President Franċiż Emmanuel Macron, Trump qal li kien hemm xi ftit tensjoni dwar it-tariffi tal-metall, iżda fuq kollox kienet laqgħa pożittiva.
Minn naħa tiegħu, Macron qal li jemmen li l-partijiet kollha jidher li jridu jsibu qbil.
Madanakollu jidher li t-tmiem is-summit se jkun wieħed imqalleb, hekk kif mhux mistenni li bħalma jiġri s-soltu, l-mexxeja kollha joħorġu flimkien u jgħidu li sabu konsensus.
Il-kanċillier Ġermaniż qalet li aħjar ikunu veritieri mad-dinja u jgħidu li ma qablux, milli juru front falz ta’ unità.