Lejliet jum l-inawgurazzjoni u l-ħatra uffiċjali tiegħu bħala l-President tal-Istati Uniti għall-erba’ snin li ġejjien, Donald Trump wiegħed li se jkun qed jiffirma ruxmata ordnijiet eżekuttivi matul l-ewwel jum tiegħu lura fil-White House hekk kif lis-segwaċi tiegħu qallhom li se jkun qed jagħmel dan kollu f’rekord ta’ ħin u b’qawwa kbira.
Fil-Washington DC arena, li tesa’ madwar għoxrin elf ruħ, f’dik li kienet imsejħa l-manifestazzjoni tal-vittorja, Trump ta previżjoni ta’ dak li wieħed kien se jkun qed jistenna matul il-mandat tiegħu u ċċelebra r-rebħa tiegħu fuq id-Demokratiċi li seħħet f’Novembru li għadda.
Huwa wiegħed li kien se jkun qed jindirizza diversi temi u juża l-poteri presidenzjali tiegħu sabiex iniedi proċess ta’ deportazzjoni tal-massa, itajjar regolamenti ambjentali u jġib fi tmiemhom programmi ta’ diversità.
Huwa qal li se jkun qed ipoġġi l-Amerika l-ewwel u dan kollu jibda għada, fejn kompla jgħid lill-folla li għada kienu se jiddivertu jaraw it-televiżjoni, b’riferenza għal jum tat-Tnejn.
Illum Trump huwa mistenni li jiffirma aktar minn mitejn ordni eżekuttiva li jkunu jinkludu uħud li huma legali kif ukoll direttivi presidenzjali bħal proklamazzjonijiet.
Trump tenna li kull ordni eżekuttiva radikali u banali tal-amministrazzjoni ta’ Biden se tkun qed tiġi mwarrba fl-ewwel sigħat li jidħol fl-uffiċju ovali.
Huwa kien wiegħed ordnijiet eżekuttivi li jżidu l-programmi ta’ intelliġenza artifiċjali, li jwaqqaf id-Dipartiment tal-Effiċjenza Governattiva, jagħmel disponibbli r-rekords relatati mal-qtil ta’ John F.Kennedy fl-1963, jiggwida lill-militar sabiex tinħoloq tarka ta’ difiża tal-missili u jelimina l-politika ta’ diversità, ekwità u inklużjoni mill-militar.
Lill-partitarji qallhom ukoll li kien se jwaqqaf lin-nisa transġeneri milli jikkompetu f’kategoriji ta’ sport femminili u li se jagħti l-kontroll tal-edukazzjoni lura lill-Istati Amerikani.
Huwa normali li Presidenti jieħdu azzjoni eżekuttiva meta jidħlu fil-kariga, iżda l-volum tan-numru ta’ ordnijiet fl-ewwel ġurnata ta’ Trump se jkun l-akbar li qatt sar u ħafna minnhom mistennija jiġu miġġielda fil-qrati.
L-akbar wegħda tiegħu u possibilment dik li rebbħietu l-elezzjoni, hija dik li fl-ewwel ġurnata jindirizza l-imigrazzjoni illegali iżda esperti qed isostnu li d-deportazzjoni ta’ miljuni ta’ immigranti mingħajr dokumenti se tiffaċja ħafna problemi loġistiċi u potenzjalment tiswa’ għexieren jew mijiet ta’ biljuni ta’ dollari.