Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump weħħel fid-Demokratiċi wara li l-abbozz ta’ liġi dwar il-kura tas-saħħa m’għaddiex.
Iż-żewġt ikmamar tal-Kungress huma kkontrollati mill-Partit Repubblikan ta’ Trump, iżda l-abbozz tneħħa l-Ġimgħa hekk kif ma ġabx biżżejjed voti.
Huwa u jitkellem mal-Washington Post, Trump qal li ma setgħux iġibu vot wieħed Demokratiku, u għaldaqstant l-abbozz kien irtirat.
Dan il-pass meħud fl-aħħar minuta qed jitiqes bħala daqqa ta’ ħarta kbira għall-President tal-Istati Uniti.
Dan hekk kif waħda mill-wegħdiet elettorali prinċipali tiegħu kienet li jneħħa u jbiddel il-programm tal-kura tas-saħħa magħruf bħala Obamacare.
L-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Paul Ryan qal li hu u Trump qabblu li jirtiraw il-vot, hekk kif kien ċar li mhux se jġib il-minimu ta’ mitejn u ħmistax-il vot meħtieġa.