Uffiċjali fil-White House ikkonfermaw li l-Istati Uniti kienet se tieqaf tibgħat għajnuna militari lill-Ukrajna. Skont rapporti dan qed isir sabiex din l-għajnuna tiġi riveduta u jkun affermat li l-Ukrajna qed tikkontribwixxi sabiex tinstab soluzzjoni.
S’issa l-Istati Uniti kienet l-akbar sors ta’ għajnuna militari għall-Ukrajna f’dak li huma armi, apparat u sostenn finanzjarju minn meta r-Russja bdiet l-operazzjoni ta’ invażjoni massiva tliet snin ilu.
Id-dikjarazzjoni li l-Istati Uniti ma kinitx se tibqa tibgħat din l-għajnuna saret ftit sigħat wara li Trump ikkritika lill-President Ukren Volodymyr Zelensky meta qal li tmiem il-gwerra mar-Russja jinsab ’l bogħod ħafna.
Sadanittant, il-Prim Ministru Ingliż Keir Starmer ħabbar pjan ta’ 4 punti sabiex ikun implimentat mal-Ukrajna biex tintemm il-gwerra u fl-istess ħin tkun protetta mir-Russja.
Iżda, mexxejja Ewropej, wara l-laqgħa li kellhom il-Ħadd, iddikjaraw li ma setgħux jiggarantixxu l-paċi fl-Ukrajna mingħajr l-għajnuna tal-Istati Uniti.