Il-President Amerikan, Donald Trump, intlaqa’ bi protesti u rabja kbira waqt iż-żjara tiegħu F’Texas. Trump żar lill-ħaddiema tal-emerġenza kif ukoll persuni li salvaw mill-attakk ta’ sparar fuq il-massa li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għadda f’El Paso fl-istat ta’ Texas. El Paso hija waħda miż-żewġt ibliet li seħħew sparaturi li ħasdu l-ħajja ta’ 31 persuna.
Persuni Ispaniċi kienu fil-mira tal-attakki, b’dawn l-isparaturi qed jitqiesu bħala attakki ta’ mibgħeda. Il-President Amerikan qed jiġi kkritikat u akkużat li huwa qed ikompli jqabbad in-nar bi kliem razzist fil-konfront tal-komunità Ispanika. Persuna li kienet waqt id-demostrazzjonijiet qalet mal-midja Amerikana li Trump qed juża l-poter tiegħu biex jeżerċita l-mibegħda minflok biex jiżra’ l-paċi u l-għaqda. Persuna oħra qalet li l-President Amerikan qed joħloq firda fil-pajjiż u sta għall-poplu Amerikan biex jiwaqqaf lill-President milli jkompli jagħmel dan.
Membru tal-Kungress mill-Partit Demokratiku u li tirrapreżenta lil El Paso, Veronica Escobar, irrifjutat li tiltaqa’ mal-President Trump għaliex hija sostniet li kliemu u azzjonietu kienu l-kawża ta’ dan l-attakk li ħasad il-komunità tagħha kif ukoll lill-Amerka.