Fil-ġlieda tiegħu tat-tariffi, il-Ħadd filgħaxija Donald Trump kiteb fuq il-pjattaforma tiegħu Truth Social li kien awtorizza lid-Dipartiment tal-Kummerċ u l-Uffiċċju tar-Rappreżentanza tan-Negozju sabiex jimplimenta tariffa ta’ 100% fuq kull film li jiddaħħal fl-Istati Uniti u li jkun inħadem barra l-pajjiż.
Huwa qal li qed jieħu din il-miżura għax l-industrija tal-films fl-istati Uniti kienet qed tmut b’rata mgħaġġla hekk kif pajjiżi barranin kienu qed joffru inċentivi sabiex jattiraw produtturi tal-films lejhom. Dan għalhekk qed iqisu bħala attakk fuq is-sigurtà nazzjonali tal-pajjiż flimkien ma’ dak kollu li diġà qed isir inkluż messaġġi u propaganda.
Għadu mhux magħruf kif se tkun qed tiġi implimentata din it-tariffa fuq produzzjonijiet internazzjonali hekk kif huwa komuni li films, kemm kbar kif ukoll dawk iżgħar, jinkludu ffilmjar f’diversi pajjiżi differenti skont il-baġit li jkollhom.