Il-futur tal-appoġġ tal-Istati Uniti għall-Ukrajna qed isir aktar dubjuż hekk kif Mike Waltz, il-Konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti, ikkonferma li lbieraħ l-Istati Uniti waqqfet taqsam l-Intelliġenza mal-Ukrajna.
Huwa qal li l-amministrazzjoni ta’ Trump kienet qed tieħu pass lura filwaqt li tanalizza kull aspett tar-relazzjoni mal-Ukrajna.
Aktar tard il-President Franċiż Emmanuel Macron ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla f’Pariġi kienu se jiltaqgħu l-kapijiet tal-armati Ewropej, fejn waqt diskors fuq it-televiżjoni ddikjara li Franza trid tkun lesta timxi ’l quddiem mingħajr l-għajnuna tal-Istati Uniti.
Hekk kif tenna li l-Ewropa tinsab f’era ġdida, Macron talab sabiex tiżdied in-nefqa fuq id-difiża. Żied jgħid li Franza, flimkien mal-Ukrajna u oħrajn, kienu ppreparaw pjan ta’ paċi dejjiemi.
L-Istati Uniti kienet ilha taqsam l-Intelliġenza mal-Ukrajna sa mill-bidu wara li r-Russja invadiet l-Ukrajna tliet snin ilu. Nhar it-Tnejn Trump kien issospenda wkoll l-għajnuna militari wara laqgħa mqanqla ma’ Zelensky fl-uffiċċju ovali nhar il-Ġimgħa.
Għadu mhux ċar jekk din il-pawsa fuq il-qsim ta’ intelliġenza hiex waħda parzjali jew kompleta u kemm se ddum effettiva.
Skont esperti dawn iż-żewġ manuvri se jkollhom impatt immedjat fuq is-sigurtà tal-Ukrajna u wisq probabbli r-Russja se tieħu l-opportunità sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex taħtaf aktar territorju mill-Ukrajna filwaqt li tirtira mill-mejda tan-negozjati.