L-Erbgħa, l-amministrazzjoni ta’ Trump ħeġġet impjegati tal-gvern sabiex jikxfu lil xulxin u lid-dipartimenti tagħhom f’attentat li jeqred għal kollox il-programmi ta’ diversità.
Din l-aħħar azzjoni fil-kampanja tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump kontra d-diversità, l-ekwità u l-inklużjoni waslet ġurnata wara li għamel pressjoni fuq is-settur privat sabiex jingħaqdu miegħu fejn qal lill-impjegati federali, li jaħdmu f’uffiċċji li jamminstraw tali programmi, li se jkunu qed jintbgħatu d-dar fuq leave imħallas.
Fl-ewwel ġurnata tal-Presidenza tiegħu,Trump ħareġ ukoll serje ta’ ordnijiet eżekuttivi sabiex iwaqqaf il-programmi DEI u jxejjen għal kollox il-politika tal-preċedessur tiegħu Joe Biden li kien ipprioritizza dawn il-programmi u inizjattivi fid-dipartimenti kollha tal-gvern federali.
Il-programmi DEI jippromwovu opportunitajiet għan-nisa, minoritajiet etniċi, persuni LGBTQ+ u gruppi oħra li tradizjonalment mhumiex irrappreżentati.
Militanti tad-drittijiet ċivili jargumentaw li dawn il-programmi huma neċessarji sabiex jiġu indirizzati żbilanċji u razziżmu strutturali li ilu għaddej tul ta’ snin. Iżda Trump u s-segwaċi tiegħu jsostnu li l-programmi DEI jispiċċaw jiddiskriminaw kontra Amerikani oħra u jnaffru l-importanza tal-ħiliet li kandidat ikollu meta japplika għall-promozzjoni jew impjieg.
F’messaġġ ġdid li tqassam l-Erbgħa, impjegati tal-gvern ġew avżati li jekk ma jirrappurtawx xi programmi mistura tad-DEI kienu jiffaċċjaw konsegwenzi u tawhom għaxart’ijiem ċans biex jagħmlu dan.
L-azzjoni ta’ Trump immarkat telfa sinifikanti ta’ akkwist li ħa għexieren ta’ snin biex jassigura ugwaljanza fl-għotja ta’ mpjiegi u kuntratti. Din in-notifika ġabet fix-xejn ordni eżekuttiva iffirmata mill-eks President Lyndon B.Johnson fl-1965 li kienet tipprojbixxi kuntratturi federali milli jiddiskrimaw fl-impjiegi u l-impjegati sabiex tassigura opportunità ndaqs bbażata fuq razza, kulur, reliġjon u nazzjonalità. Din l-ordni kienet waħda monumentali għal dak iż-żmien, li fih l-Amerikani Suwed kienu kontinwament jiġu attakkati vjolentament u li ma kellhomx dritt għal vot jew li jokkupaw residenzi f’postijiet tal-Bojod.