L-eks President Amerikan Donald Trump talab imħallef biex iwaqqaf l-investigazzjoni tad-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan b’rabta mal-files li ttieħdu minn daru f’Mar-a-Lago.
F’kawża li fetaħ, it-tim legali tiegħu talab biex jinħatar avukat indipendenti biex ikun jista’ jara d-dokumenti li l-aġenti tal-FBI ħadu mid-dar ta’ Trump aktar kmieni dan ix-xahar.
Skont l-FBI, b’kollox ittieħdu ħdax-il sett ta’ files klassifikati mill-proprjetà ta’ Trump fi Florida.
Trump qed jiġi investigat fuq potenzjalment immaniġġjar ħażin tad-dokumenti.
Kull President Amerikan għandu jittrasferixxi d-dokumenti u l-imejls kollha tiegħu għand aġenzija Governattiva msejħa l-Arkivji Nazzjonali, u l-FBI qed tinvestiga jekk Trump ħax dawn id-dokumenti f’daru wara li ma baqax fil-kariga f’Jannar tas-sena l-oħra.
Huwa ċaħad kull akkuża u qal li d-dokumenti mhumiex klassifikati.