Il-President Amerikan Donald Trump wissa li jista’ jiddikjara stat t’emerġenza u jibni l-ħajt mal-fruntiera tal-Messiku mingħajr l-approvazzjoni tal-Kungress Amerikan.
Trump qal hekk wara li ltaqa’ ma’ uffiċjali għolja mill-kamp Demokratiku li rriffjutaw it-talbiet tiegħu biex jingħata l-fondi meħtieġa ħalli l-ħajt jinbena.
Trump għadu jżomm sod milli jħalli tgħaddi liġi biex jiġu ffinanzjati l-operazzjonijiet tal-Gvern Amerikan fuq il-kundizzjoni li imbagħad lilu jħalluh jibni l-ħajt mal-Messiku.
Dak deskritt bħala shut down ħalla aktar minn tminn mitt elf ħaddiem mingħajr paga sa mit-tnejn u għoxrin ta’ Diċembru li għadda.
Il-ħajt mal-Messiku kien fuq l-aġenda tal-kampanja Presidenzjali ta’ Trump li saħaq li huwa jista’ jsolvi l-influss tal-immigranti li jidħlu mill-Messiku permezz ta’ bini ta’ ħajt.
Dak iż-żmien huwa kien jgħid li huwa l-Gvern Messikan u mhux dak Amerikan li jħallas l-ispejjeż għall-bini ta’ dan il-ħajt.