Il-President Amerikan Donald Trump bagħat ittra lil Dr Tedros tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO fejn hedded u attakka li ser jwaqqaf b’mod permanent l-fondi mogħtija mill-Istati Uniti lilhom rigward il-COVID-19.
F’din l-ittra li hi twila madwar 4 paġni, Trump jikkritika l-istadji kollha tar-rispons li ħadet l-WHO fid-dawl tal-imxija tal-Coronavirus minn Diċembru li għadda s’issa.
Trump saħansitra jgħid lil WHO li huma pupazzi taċ-Ċina.
Il-WHO qalet li hija ħadet l-azzjonijiet tagħha kif suppost u skont l-esigenza taħt pariri ta’ esperti mediċi u xjentifiċi minn madwar id-dinja inkluż l-Istati Uniti.
Il-President Trump li mistenni jaffaċċja l-elezzjoni matul din is-sena kien qed jiġi kkritikat għal mod kif qed jirreaġixxi għal din il-pandemija dan filwaqt li jagħti t-tort liċ-Ċina.
Fl-Istati Uniti biss hemm aktar minn 1.5 miljuni fost l-4.8
miljun każijiet ikkonfermati madwar id-dinja b’aktar minn 90,000 ruħ mejta.
Iċ-Ċina akkużat lill-Amerka li dan l-attakk fuq l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qed isir minn Trump biex ineħħi l-attenzjoni minn fuqu wara li r-rispons tiegħu kien fjakk għall-imxija.