Il-Kamra tad-Deputati tal-Istati Uniti vvutat biex tikkundanna simbolikament lill-President Amerikan, Donald Trump, wara serje ta’ attakki permezz ta’ Twitter immirati lejn erba’ nisa membri tal-Kungress. Ir-riżoluzzjoni ikkritikat il-kummenti razzisti li jxerrdu biża’ u mibgħeda lejn persuni b’ġilda skura.
Trump qed jiġi akkużat b’razziżmu u xenofobija. Din l-akkuża saret wara li l-President Amerikan, tella’ serje ta’ tweets fejn qal li l-Membri tal-Kungress: Alexandria Ocasio-Cortez, Ilhan Omar, Ayanna Pressley u Rashida Tlaib, huma oriġinajament minn pajjiżi li l-gvernijiet tagħhom huma totalment katastrofiċi u li huma għandhom imorru lura lejn pajjiżhom. Minkejja li fit-tweet oriġinali, Trump ma għamilx referenza diretta lejn l-erba’ nisa – li huma ċittadini Amerikani – il-kuntest ta’ kif kienu miktuba t-tweets juri b’mod ċar li kien qed jirreferi għalihom.
Il-Kungress ikkundanna dawn il-kummenti u ħeġġeġ lill-poplu Amerikan sabiex jiffoka fuq il-politika aktar milli fuq il-kliem razzist tal-President Trump.
Il-President Amerikan, irribatta billi sostna li ma għandux għadma waħda razzista f’ġismu.