Is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista hija tal-biki mhux biss għall-partitarji li jappoggjawh iżda anki għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Il-fatt li l-Partit mhux kapaċi joffri serħan il-moħħ li kapaċi jkun gvern alternattiv hija ħaga negattiva u kważi ta’ theddida għas- sistema demokratika ta’ pajjiżna – fid-dawl li pajjiżna huwa predominat minn żewg partiti kbar biss.
Apparti n-nuqqas t’ideat u viżjoni għall-futur tal-pajjiż, il-PN huwa mifni bi ġlied intern li mhux qed iħalli l-istrutturi interni tiegħu jaħdmu b’mod trankwill u ffukat. In-nuqqas ta’ qbil mat-tmexxija preżenti, grupp parlamentari maqsum u l-iskossi fi ħdan il-kumitati lokali huma wirja ta’ stat diżastruż li tħalla jaqa’ fih il-partit matul dawn is-snin.
Dan l-istat ma bediex minn meta Adrian Delia laħaq Kap. It-tmermir intern kien ilu jinħema minn żmien it-tmexxija ta’ Gonzi (kollha niftakru l-kwistjoni ta’ Franco Debono, Carm Mifsud Bonnici, eċċ). Iżda dan, b’xi mod jew ieħor dejjem irnexxielu jgħatti u jibqà għaddej. L-istess jistà jingħad taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, fejn kienet evidenti li l-qasma kompliet tikber fi ħdan il-Partit stess, pero kien jirnexxielhom iżommu l-ħwejjeg maħmugin internament u mhux jonxruhom mal-faċċata tad-Dar Ċentrali.
Minn mindu daħal Delia fix-xena dawn il-qasmiet ħargu kollha fid-deher, probabbli minħabba li ntrifsu l-kallijiet tal-establishment, tal-klikka, minn persuna totalment estern mill-Partit u mingħajr xi tip ta’ legacy fi ħdan il-PN.
Id-diskors ta’ Delia matul il-kampanja għal-kap kien wieħed ta’ gwerrier qalbieni, li iżda malli ħa t-tmexxija tal-partit f’idejh spiċċa suldat komuni li ftit li xejn qed iħalli impatt. Delia spiċċa skjav f’daru stess (id-dar politika tal-PN). Ipprova jintogħġob mal-klikka iżda din swietu agħar, tant li tal-klikka stess qed tattakkah filwaqt li dawk li rawh bħala katalist tal-bidla fil-PN issa qed jitilfu l-fiduċja fit-tmexxija tiegħu.
Is-surveys qed juru stampa kerha ħafna għall-PN. Il-fatt li f’Malta m’hawnx it-tielet partit b’saħħtu hija l-uniku salva-uomo għall-PN. Id-deċizjonijiet iridu jittieħdu….u xi rjus iridu jtiru (metaforikament!).