Binjiet imġarrfa u karozzi fl-arja, hekk kif tromba tar-riħ ħarbtet parti mill-Istat Amerikan ta’ Kansas dalgħodu. Madanakollu, s’issa għadhom ma ġewx irrapportati fatalitajiet.
Fil-fatt, in-nies qed jiġu mħeġġa biex ma jivvjaġġawx, hekk kif numru ta’ toroq jinsabu mblukkati bit-tifrik li ħalliet warajha t-tromba, li numru ta’ filmati tagħha, tpoġġew fuq il-mezzi soċjali. Dan filwaqt li l-viżabilità hija mċajpra u għalhekk sewwieqa jistgħu jkunu fil-periklu.
Intant, is-Servizz Nazzjonali tat-Temp Amerikan ħareġ numru ta’ twissijiet dwar maltemp qawwi, li fil-ħin li ġej, mistenni jolqot numru ta’ stati fiċ-ċentru tal-Amerika.