Taħt xemx taqli l-ankri numru kbir ta’ ħaddiema qed jaħdmu qatigħ ħalli f’Awwissu ilestu x-xogħol kollha ta’ twessigħ tat-triq Reġjonali.
Din it-triq li sa ftit tax-xhur ilu kellha erba’ karreġġjati issa qed tinbena mill-ġdid sabiex tibda takkomoda sitt karreġġjati, tlieta fuq kull direzzjoni.
Il-perit tal-proġett Anton Zammit tkellem ma’ ONE News u spjega li apparti x-xogħlijiet ta’ twessigħ dan il-proġett se jkun qed jibdel l-angolatura tat-triq sabiex tiġi aktar sigura għas-sewwieqa.
Filfatt waħda mid-dawriet li hija sinonima għall-inċidenti se tkun qed tinbena mill-ġdid sabiex issa l-angolatura tiġi favur id-direzzjoni tat-traffiku.
Zammit spjega, “It-triq ġejja aktar sigura, biddilna l-camber, l-camber issa se jkun favur it-traffiku meta wieħed isuq il-karozza se jħossha ħafna aħjar apparti hekk wessajna wkoll il-wisa tal-pont li hija element tas-sigurtà li issa se jkollna tliet kareġġjati kull direzzjoni.”
Il-Perit Zammit kompla jispjega li minħabba li l-pont l-antik kien inbena fis-sebgħinijet Infrastructure Malta kienet iddeċidiet li tibdel l-istruttura sħiħa li bħalissa qed taqsam minn fuq il-wied tal-Imsida.
Din l-istruttura li qed tinbena bħalissa hija wiesa madwar 23 metru u hi twila madwar 20 metru. Kull travu li qed jintuża f’dan il-pont huwa magħmul mill-konkos u jiżen aktar minn 24 tunnellata.
Xogħlijiet simili jinsabu għaddejjin fi triq Buqana fejn bħalissa qegħdin isiru wkoll ix-xogħlijiet sabiex tiżdied karreġġjata oħra fid-direzzjoni lejn l-Imġarr u Burmarrad.
Tul din it-triq hemm ukoll il-pont sinonimu li jaqsam wied il-Qlejgħa. Minħabba x-xogħlijiet ta’ twessiegħ ta’ din it-triq dan il-pont se jkun qed jibena mill-ġdid bi travi tal-konkos.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta spjega li dawn ix-xogħlijiet kien fihom numru ta’ sifdi fosthom il-fatt li l-ebda triq ma setgħet tingħalaq għat-traffiku. Huwa semma wkoll li bis-saħħa ta’ dawn ix-xogħlijiet li qed isiru mix-xitwa li ġejja l-ilma minn wied il-Qlejgħa se jkun jista’ jibqa’ għaddej mingħajr ma jkun ostakolat.
“Hemhekk kif kien sal-lum kellek pont fejn kllek ħajt diviżorju biex jissaportja l-pont li minħabba li qiegħed f’nofs il-wied kien qed jinġema’ ħafna materjal meta tagħmel ix-xita. Allura ħadna l-opportunità li l-pont jaqsam it-tul kollu tal-wied naddafna u naħseb li għalekk meta jkun lest u jerġa jkollna x-xita l-ilma se jgħaddi ferm aħjar”, ikkonkluda Azzopardi.