Imħabbar investiment ta’ €7 miljun fi Triq Reġjonali fl-Imsida sabiex jitnaqqas it-traffiku u l-ħin ta’ stennija u tiżdied is-sigurtà fiż-żona. Il-Proġett jinkludi twessiegħ tat-triq għal sitt korsiji mill-mini tal-Qroqq sal-mini ta’ Santa Venera.
Id-dettalji dwar dan il-proġett tħabbru mill-Ministru għall-infrastruttura Ian Borg, fil-jum li fih bdew xogħlijiet minuri, fit-triq li ma taqta’ xejn mill-karozzi 24 siegħa kuljum.
L-investiment ta’ Triq Reġjonali se jwassal biex f’kull direzzjoni tul il-1.1km tat-triq, ikun hemm tliet korsiji f’kull direzzjoni, kemm lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Malta kif ukoll lejn in-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Filmat imxandar minn Infrastruttura Malta juri l-bidla li se ssir mill-mini ta’ Santa Venera fid-direzzjoni lejn l-Imsida, b’korsija oħra li se tipprovdi aċċess aktar sikur mill-islip road li tgħaqqad Triq il-Wied fl-Imsida, Triq il-Ferrovija f’Birkirkara u Triq il-Kappillan Mifsud ma’ Triq Reġjonali.
Din l-istess korsija se tnaqqas il-ħin ta’ stennija meta l-vetturi jridu joħorġu minn Triq Reġjonali billi jużaw l-islip road fid-direzzjoni ta’ Triq Dun Karm, l-Università ta’ Malta u l-isptar Mater Dei.
Fid-direzzjoni opposta, mill-Imsida lejn Santa Venera, il-korsija addizzjonali se ttejjeb l-andament tal-vetturi matul l-islip road li tgħaqqad ir-roundabout f’Tal-Qroqq, jiġifieri l-iskate park, mal-karreġġjata fid-direzzjoni ‘l isfel.
Dan peress li l-korsija l-ġdida se ssir kontinwa fid-direzzjoni lejn Santa Venera. Din l-istess korsija se tipprovdi aċċess aktar sikur biex is-sewwieqa joħroġu minn Triq Reġjonali lejn Triq il-Ferrovija u Triq il-Kappillan Mifsud, biż-żewġ toroq jingħaqdu f’waħda fir-roundabout ta’ Birkirkara u Santa Venera.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi qal li bħala parti mill-proġett, il-pont tal-Imsida li jagħti għal Triq il-Wied se jerġa’ jinbena mill-ġdid.
L-investiment f’din it-triq huwa meqjus bħala importanti għax se tkun qiegħda izzied is-sigurta f’din it-triq li ħasdet il-ħajja ta’ bosta persuni. Saħansittra meta jinqala xi inċident f’din it-triq iwaħħal it-traffiku fil-pajjiz.
Il-Ministru Ian Borg qal li x-xogħlijiet mistennija jkunu lesti sal-ewwel kwart tas-sena dieħla. Qal ukoll li nħarġet is-sejħa għall-ewwel 120 triq residenzjali li se jkunu qegħdin isiru fl-2019, filwaqt li se jinħarġu sejħiet oħra fi ftit taż-żmien ieħor. Huwa fakkar li dan il-budget investa €100 miljun għall-infrastruttura.