Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li mill-ġurnata tat-Tnejn se jibda x-xogħol biex Triq l-Imġarr fin-Nadur terġa’ tinbena mill-ġdid. Din it-triq arterjali hi traffikuża u tgħaqqad ir-raħal tan-Nadur mal-Port tal-Imġarr.
Il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid tat-triq, sistemi miżjuda ta’ sigurtà fit-triq biex jonqos ir-riskju tal-inċidenti u faċilitajiet biex is-servizzi neċessarji jgħaddu minn taħt it-triq. L-investment f’din l-arterja prinċipali hu wieħed fost diversi proġetti infrastrutturali li għaddejjin bħalissa f’Għawdex u jifforma parti minn oħrajn li diġà twettqu u oħrajn li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru Caruana qalet li l-Ministeru qed jagħti importanza lil din it-triq peress li tinsab fi stat ħażin ħafna għax tħalliet mitluqa għal diversi snin. Spjegat li matul din is-sena twettqu jew se jibda x-xogħol f’numru ta’ toroq residenzjali u arterjali filwaqt li uriet apprezzament għax-xogħol preparatorju li diġà twettaq u li ilu għaddej diversi ġimgħat. Qalet li la x-xogħol kollu tul din it-triq u Triq Sant’Antnin f’Għajnsielem ikun lest, il-poplu Għawdxi u dawk kollha li jżuru Għawdex se jinqdew aħjar fi triqithom lejn il-Port tal-Imġarr.
Il-Ministru enfasizzat li l-Ministeru għal Għawdex irid jagħmel differenza fit-toroq f’Għawdex u għalhekk għandu pjan imħejji għall-2019. Dan fid-dawl ta’ diskussjonijiet li diġà saru ma’ Infrastruttura Malta biex isir xogħol li se jiġi mħabbar ’il quddiem.
Il-Perit Godwin Sultana – li hu responsabbli mill-proġett – spjega t-teknika tax-xogħol involut biex it-triq tinbena mill-ġdid. Qal li l-ewwel fażi tax-xogħol hi li jiġu konsolidati l-bażi tat-triq u l-ħitan li jżommuha. Wara jsiru l-gutters għas-servizzi neċessarji qabel jingħata wiċċ ġdid.
Is-Sindku tan-Nadur Edward Said laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li din l-arterja prinċipali se tingħata l-attenzjoni li ħaqqha. Sostna li bħala kunsill lokali ilhom iwasslu l-ilmenti tagħhom dwar din it-triq u l-periklu abbinat magħha. Appella lir-residenti Nadurin biex sakemm ix-xogħol jitlesta jużaw alternattivi oħrajn kif proposti minn Transport Malta filwaqt li rringrazzja lill-Ministru Justyne Caruana billi kienet hi li tat widen għall-Kunsill Lokali tan-Nadur u għar-residenti tiegħu.