Se jibdew ix-xogħlijiet ewlenin sabiex iż-żewġ karreġjati ta’ Triq il-Mosta f’Ħal Lija jingħatalhom wiċċ ġdid.
Din it-triq hija waħda prinċipali f’pajjiżna, hekk kif minnha ta’ kuljum jgħaddu bosta vetturi.
Sa issa f’din iż-żona ġa saru xogħlijiet ta’ tiswija ta’ parti mill-bankini u ssaħħew il-pedamenti ta’ partijiet mill-karreġġjati tagħha li kienu bdew iċedu.
ONE News tkellem mal-Perit ta’ Infrastruttura Malta Raphael Abdilla li filwaqt li spjega magħna x-xogħlijiet ewlenin li se jsiru, qal li dan il-proġett se jara li jonqsu l-perikli għax-xufiera.
Qal, “Bejn iċ-ċimiterju ta’ Ħal Lija u r-roundabout li tati għan-Naxxar u l-Mosta qed nagħmlu manutenzjoni permezz ta’ major patching. Il-maintanance li jsir, isir fuq diversi gradi. F’dan il-każ qed nintervjenu aktar mill-asfalt, hemm każi fejn aħna qed inqaxru l-asfalt u nagħtu wiċċ ġdid hawnhekk huwa każ fejn qed nagħmlu sodod tal-konkos f’partijiet li kienu ċedew qabel nagħtu wiċċ ġdid. ”
Jekk it-temp dejjem jippermetti, Infrastruttura Malta qed tavża lix-xufiera li x-xogħlijiet se jsiru sa nhar il-Ġimgħa li ġej.
Għalhekk, it-Tnejn u t-Tlieta bil-lejl, mit-8 ta’ filgħaxija sal-5 tal-għada filgħodu, it-triq se tkun magħluqa fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana, jiġifieri minn Ħal Lija lejn il-Mosta.
Filwaqt li l-Erbgħa u l-Ħamis billejl it-triq se tingħalaq fiż-żewġ direzzjonijiet.
Bħalissa Infrastruttura Malta qed tagħmel ukoll tiswijiet u manutenzjoni f’partijiet minn Triq is-Sebħ u Triq il-Mitħna f’Ħal Qormi, li daqt jitlestew.
Se jsiru wkoll tiswijiet f’partijiet oħra mir-rotta bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa wara li saru xogħlijiet simili fis-snin li għaddew, fejn din it-triq hija ppjanata li tinbena mill-ġdid wara li jsiru xogħlijiet ta’ servizzi li jridu jsiru minn entitajiet oħrajn.