Infrastructure Malta ser tagħlaq parti minn Triq il-Fortizza tal-Mosta, il-Mosta, għal għadd ta’ ljieli din il-ġimgħa, sabiex tkun tista’ tirranġaha b’asfalt ġdid.
Din it-triq twassal minn Targa Gap (L-Għarusa tal-Mosta), fl-inħawi tal-Mosta, lejn San Pawl tat-Tarġa u l-Birguma fl-inħawi tan-Naxxar. Tintuża minn ħafna persuni bħala alternattiva għat-toroq ewlenin fil-qalba tal-Mosta biex jaslu minn u lejn in-Naxxar, San Gwann u lokalitajiet oħra fl-istess direzzjoni.
Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta ser jaqilgħu il-wiċċ ta’ medda twila mit-triq eżistenti, jirranġaw il-pedamenti tagħha u jiksuha b’saffi ta’ asfalt ġdid. Ix-xogħlijiet ser isiru bil-lejl, sabiex it-triq tibqa’ miftuħa matul il-ġurnata. Il-kumplament tat-triq ser jitranġa u jinkesa b’asfalt ġdid aktar tard din is-sena.
Illejla, it-Tnejn 24 ta’ Settembru, u fl-iljieli ta’ wara sal-aħħar tal-ġimgħa, bejn id-disgħa ta’ filgħaxija (21:00) u l-ħamsa tal-għada filgħodu (05:00), parti mit-triq bejn il-Pont tal-Mosta (Wied il-Għasel) u l-kisra lejn Triq E.Bradford, ser tkun magħluqa fiż-żewġ direzzjonijiet. Dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi huma mħeġġa jużaw ir-rotot alternattivi mmarkati b’tabelli mal-ġnub tat-triq. Uffiċjali tal-immaniġġjar tat-trasport ser ikunu wkoll viċin il-parti magħluqa tat-triq, sabiex jiggwidaw lil dawk li jkollhom xi diffikultà.
Xogħlijiet oħra ta’ titjib fil-kwalità, effiċċjenza u sigurtà tat-toroq ta’ dawn l-inħawi li jinsabu għaddejjin ukoll bħalissa jinkludu t-twessigħ ta’ parti mit-Telgħa t’Alla u Ommu, hekk kif tingħaqad mar-roundabout tal-Birguma u mat-tarf tal-Lvant ta’ Triq il-Fortizza tal-Mosta, it-twessigħ u l-bini mill-ġdid tat-Triq tal-Balal, bejn in-Naxxar u San Ġwann u t-titjib tar-roundabout ta’ ħdejn il-Mosta Technopark, il-Mosta.