Infrastruttura Malta għaddejja bix-xogħol sabiex timplimenta l-ewwel mogħdija solari f’Malta tul parti mill-prominad il-ġdid ta’ Triq Għeriexem, u bħala parti minn proġett pilota b’investiment ta’ €70,000.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet tħabbar kif din se tinkludi teknoloġija innovattiva biex tiġġenera l-elettriku li jmur direttament fis-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Dan filwaqt li jistgħu anke jiġu mqabbdin ma’ batteriji biex b’mod dirett jagħtu enerġija għad-dawl tat-triq, punti ta’ qsim pedonali u stazzjonijiet għall-iċċarġjar tal-karozzi u roti elettriċi fost oħrajn.
ONE News tkellem mal-Perit tal-proġett Corinne Dimech hekk kif qasmet aktar dettalji magħna dwar dan l-investiment sostenibbli.
Hija spjegat: “Il-bankina qed tinbena b’mod li fiha jistgħu jiġu integrati pannelli solari. Ħa jkun hawn mas-36 panella li flimkien se jiġġeneraw mal 4600kwh ta’ elettriku fis-sena u ħa jkunu qed jiġu ffrankati mal-21 tunnellata ta’ emmissjonijiet ta’ carbon dioxide.”
Il-mogħdija se tagħmel tajjeb għal 40% tal-elettriku li tiġġenera t-triq.
Dimech sostniet: “Il-vantaġġ ta’ din is-sistema hija li se tkun qed tiġġenera 40% tad-dawl li ħa jkun qed jintuża biex idawwal kemm it-triq u anke l-prominad minnha nnifisha.”
Tabella diġitali li se jkun hemm ħdejn il-bankina solari, se tipprovdi lill-pubbliku aġġornamenti diretti f’ċifri dwar kemm din tkun qed tiġġenera enerġija nadifa kuljum u kemm qed tiffranka emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg tennal-i mpenn tal-Gvern li jkompli jaħdem favur aktar proġetti ambjentali.
Il-Ministru Borg qal, “L-Infrastruttura sostenibbli li qegħdin nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi b’mod partikolari f’dan il-każ ir-Rabat fejn qabel kellna esperjenza negattiva f’dan il-post fejn kellek triq li qegħda ċċedi u li kienet mibnija fuq it-tafal għal triq issa b’infrastruttura sigura u sostenibbli.”
Infrastruttura Malta qed timmira li tlesti dan il-proġett pilota aktar tard din is-sena, flimkien mal-proġett ta’ €4 miljun li qed twettaq biex tibni mill-ġdid Triq Għeriexem bi prominad ġdid għal konnessjonijiet aktar siguri bil-mixi bejn ir-Rabat u l-Imtarfa.