B’investiment ta’ madwar mitt elf ewro saru xogħlijiet ta’ riġenerar fi Triq in-Neolitiċi fir-Rabat Għawdex, li għal bosta snin kienet triq bit-torba u tħalliet fi stat diżastruż.
Il-Perit tal-proġett Shawn Micallef spjega li filwaqt li saru x-xogħlijiet, fl-istess ħin ġie żgurat li l-fdalijiet ta’ arkeoloġiċi li nstabu taħt din it-triq jiġu preservati.
Qal kif, “Illum qed jingħata wiċċ ġdid lit-triq li għal diversi snin kienet fi stat ħażin ħafna u wara ħafna konsultazzjoni wasalna biex għamilna x-xogħlijiet u ppreservajna l-wirt arkeloġiku li jista’ jkun hawn taħt din it-triq.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif kien hemm ħidma sabiex tinstab soluzzjoni u titranġa din it-triq mingħajr ma ssir l-ebda ħsara fuq dak li jista’ jkun hemm mirdum.
Dan ukoll sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’din it-triq.
Spjega, “Triq li żgur ir-residenti t’hawnhekk se jkunu qed japprezzaw minħabba li għaddew l-aħħar tletin sena mingħajr asfalt u se nkunu qed inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu nivestu anke f’aktar toroq residenzjali sabiex jitgawdew mir-residenti tal-madwar.”
Il-Ministru Camilleri fakkar li l-aġenda infrastrutturali għall-gżira tat-tliet għoljiet qed tiġi implimentata b’suċċess u f’sena sar rekord ta’ aktar minn tnejn u ħamsin elf metru kwadru ta’ tarmak madwar Għawdex kollu.