Triq ġdida li tifforma parti mill-proġett tal-Junction fil-Marsa u li kienet ser titlesta f’Awwissu se tinfetaħ il-ġimgħa d-dieħla minflok u b’hekk Triq Garibaldi ma tibqax magħluqa.
Il-Perit tal-proġett Raphael Abdilla spjega li kif din it-triq tkun lesta, ser jibdew jużawha dawk li jkunu ġejjin minn Raħal Ġdid fid-direzzjoni lejn il-Marsa u l-Belt Valletta.
B’hekk ma’ jibqgħux jgħaddu minn Triq il-Gvern Lokali kif qed isir bħalissa, u Triq Giuseppe Garibaldi tinfetaħ mill-ġdid.
Abdilla stqarr, “Din ħa tkun ir-rotta finali minn Sir Paul Boffa għal Aldo Moro u din it-triq hija parti mill-proġett finali. Qed naħdmu biex sal-ġimgħa d-dieħla niftħu t-triq bl-asfalt u nelevaw it-traffiku.”
It-triq ġdida b’żewġ korsiji twila madwar nofs kilometru ser tgħaddi minn taħt il-flyovers ġodda ta’ din il-junction biex toħloq konnessjoni diretta minn Vjal Sir Paul Boffa sa Triq Aldo Moro, fid-direzzjoni tat-tramuntana.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi spjega li iżda l-periti tal-aġenzija biddlu l-pjanijiet ta’ twettiq ta’ dan il-proġett u talbu l-kuntrattur jintensifika r-riżorsi tiegħu fuq il-post, sabiex ix-xogħol ikun jista’ jsir f’inqas żmien ħalli t-triq tinfetaħ minnufih.
“Qed naħdmu fil-ħinijiet ta’ bil-lejl u fil-weekend biex nippruvaw u ser jirnexxielna u minflok indumu xahar niftħuha l-ġimgħa d-dieħla stess.” Saħaq Azzopardi.
L-Inġinier Azzopardi rringrazzja lil dawk kollha li jivvjaġġaw min-naħa t’isfel ta’ Malta tal-koperazzjoni u l-paċenzja tagħhom waqt it-twettiq ta’ dan l-ikbar investiment infrastrutturali li sa issa tlesta ‘l fuq minn 70% minnu.
Fl-istess waqt, għaddej ġmielu x-xogħol ta’ kisi bl-asfalt ta’ tliet flyovers oħra mis-sebgħa li l-aġenzija qed tiżviluppa permezz ta’ dan il-proġett, sabiex inkunu nistgħu nibdew nużawhom sal-aħħar tax-xahar id-dieħel.