Triq il-Kunvent Ħaż-Żabbar qed tinbena mill-ġdid. Ħabbar dan Transport Malta permezz ta’ stqarrija. It-triq hija aċċess importanti għaċ-ċentru ta’ Ħaż-Żabbar, għax-Xgħajra u għal Marsaskala.
Meta kienu qegħdin isiru x-xogħlijiet fuq is-servizzi, uffiċjali ta’ Transport Malta sabu li t-triq ma kinitx mibnija fuq blat sod. Għaldaqstant Transport Malta għażlet li tħaffer iżjed fil-fond biex it-triq il-ġdida jkollha pedamenti tajbin u x-xogħol iservi fit-tul.
It-triq ser tingħalaq għat-traffiku sabiex ix-xogħol jitkompla minn nhar it-Tnejn 21 t’Awwissu 2017 għal xi jiem.
Transport Malta organizzat servizz shuttle għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku għax xi rotot li sejrin lejn ix-Xgħajra u Marsaskala se jkunu affettwati. Vann se jitlaq minn Pjazza Medjatriċi lejn ix-Xgħajra u ieħor lejn Wied il-Għajn kull tlett kwarti. Ir-rotot tat-trasport pubbliku li sejrin lejn il-Belt Valletta mhux se jkunu affettwati.