Fi Triq il-Bellavista f’San Ġwann għaddej ġmielu l-proġett li beda fl-aħħar ta’ Lulju li għadda, tant li se jkun lest qabel l-iskeda ppjanata.
Il-proġett, li jinkludi l-bini mill-ġdid tal-proġett bil-bankini b’kollox, kien ilu ħafna mistenni f’din it-triq ewlenija li twassal għal Triq San Ġiljan kif ukoll għal Sliema Road li tgħaqqad mal-Kappara junction.
Flimkien mal-periti u nies tekniċi minn Infrastructure Malta, dan kollu qed isir possibbli. Permezz ta’ dan il-proġett, Vjal ir-Rihan, li saret fl-2019, se tingħaqad mal-Kappara Junction u b’hekk mhux biss se jingħaqdu rotta aħjar, iżda qed issir ukoll infrastruttura aħjar fit-toroq.
ONE News tkellem mas-Sindku ta’ San Ġwann, Trevor Fenech, li spjegalna kif dan il-proġett jinkludi wkoll parkeġġi ġodda, aspett ferm importanti għar-residenti tal-lokal biex ikunu moqdijin aħjar. Hu qal li se jkunu qegħdin jagħtu dehra differenti lit-triq permezz ta’ żieda ta’ siġar u arbuxelli kif ukoll spazji żgħar miftuħa.
Qal, “Ta’ min wieħed ifakkar li dan hu parti mill-proġett li aħna qegħdin nagħmlu, li din it-triq tajnieha prijorità wkoll biex inkunu qegħdin nippreparaw ukoll għal meta jinbeda l-proġett tal-pjazza ta’ San Ġwann ta’ 7,200 metru kwadru ta’ spazju miftuħ, li se jkun wieħed mill-akbar li hawn f’pajjiżna. It-tħejjijiet bdew isiru, filwaqt li għaddejjin il-preparamenti tal-ispazju miftuħ tal-pjazza tal-lokalità tagħna biex b’hekk ikollna infrastruttura meħtieġa ħalli nifilħu għax-xogħol li għad baqa’ x’nagħmlu.”