B’investiment ta’ tliet miljun u nofs ewro Triq Burmarrad ser tkun waħda iżjed sigura għas-sewwieqa u dawk kollha li jkunu għamlu użu minn din it-triq.
Dan hekk kif f’din it-triq li ta’ spiss isiru inċidenti u ħabtiet b’konsegwenzi serji, issa ser ikunu qed miżuri li jiskoraġġixxu s-sewqan eċċessiv li vettura taqbeż lil oħra.
Id-Direttur ta’ Infrastruttura Malta, il-Perit Audrey Testaferrata de Noto, li hija inkarigata mid-disinn tal-proġett, spjegat kif il-proġett jinkludi fih l-installazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurezza bħalma huma ‘crash barriers’ ġodda bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti.
Hija spjegat kif il-proġett ser jinkorpora fih żewġ roundabouts ġodda, waħda f’salib it-toroq ma’ Triq is-Sardin u oħra għal konessjonijiet aktar siguri ma’ Triq Tal-Ħmieri u Triq Għajn Rihana.
Testaferrata de Noto qaltilna: “Minħabba li r-roundabout għandha d-‘deflection’, jiġifieri meta inti karozza riesqa lejn roundabout, id-disinn tar-roundabout għandu ‘deflection’ għaldaqstant vettura bil-fors trid tnaqqas mill-ammont ta’ sewqan sabiex tkun tista’ ddur ma’ din ir-roundabout. Għaldaqstant ‘roundabouts fihom infushom huwa mezz kif aħna nagħmlu ‘speed calming’.”
Il-Perit Joseph Galea li huwa inkarigat mill-implimentazzjoni tal-proġett spjega kif il-proġett huwa maqsum f’żewġ fażijiet.
Huwa stqarr: “Bħala ‘Phase 1’ ix-xogħol kważi kollu lest f’temp ta’ bankini u xogħlijiet ta’ servizzi. Qed nippjanaw biex fil-ġimgħat li ġejjin biex inkunu nistgħu nagħmlu bini mill-ġdid mill-foundations bil-‘layers’ tal-asfalt biex ikollna ‘asfalt’ ġdid.”
It-tieni fażi tinkludi fiha l-bini taż-żewġ roundabouts u l-installazzjoni ta’ miżuri kontra s-sewqan eċċessiv. Fost il-miżuri għal iktar sigurtà hemm il-kisi ta’ parti kbira mit-triq b’materjal ta’ frizzjoni għolja li jnaqqas ir-riskju ta’ skiddjar.
Jekk ix-xogħol jibqa’ għaddej bla xkiel il-proġett mistenni jitlesta għall-aħħar ta’ Novembru.