L-aġenzija tal-Gvern Infrastruttura Malta ħarġet sejħa għall-offerti għall-bini mill-ġdid ta’ Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi.
Dan sabiex iżżid kważi tliet kilometri ta’ korsiji ġodda u passaġġ għaċ-ċiklisti f’din ir-rotta ewlenija bejn Ħal Luqa u Ħal Qormi.
B’dan il-proġett, iż-żewġ toroq, li bħalissa għandhom żewġ korsiji, waħda f’kull direzzjoni, ser jibidlu fi triq b’erba’ korsiji, tnejn f’kull direzzjoni.
Bejn il-korsiji li jagħtu lejn in-nofsinhar tal-pajjiż u dawk fid-direzzjoni opposta ser issir central strip bil-barrikati tal-ħadid, sistema ta’ dwal u tagħmir ieħor għal aktar sigurtà.
Fi stqarrija l-aġenzija responsabbli mill-iżvilupp ta’ toroq qalet li ser tibni wkoll bankini ġodda mal-ġnub tat-triq, daħliet aktar sikuri għall-karozzi tal-linja u kif ukoll żoni b’siġar u pjanti oħra.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg saħaq kif dan il-proġett jikkumplimenta x-xogħol li qed isir f’toroq oħra fil-madwar:
“Nafu kemm tintuża din it-triq partikulari. Nafu l-isfidi illi għandna u qed tkompli tikkumplimenta l-indirizz li qed nagħmlu fil-konfront ta’ bottle necks li għandna f’toroq arterjali u dawk distributorji.”
Ix-xogħol fuq it-toroq imsemmija mistenni jibda fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Dan hekk kif il-proċess tal-għażla tal-kuntratturi se jsir lejn tmiem din is-sena.