Triq Aldo Moro fil-Marsa se tingħalaq għat-traffiku llejla biex tingħata l-aħħar kisja ta’ asfalt lill-wiċċ tal-karreġġjata tat-tramuntanta ġdida, li fiha sitt korsiji.
Dawn se jingħalqu llejla bejn is-19:00 u s-06:00 ta’ għada filgħodu. Sewwieqa li jkunu qed jivvjaġġaw min-naħa tan-nofsinhar ta’ Malta minn Vjal Sir Paul Boffa, Vjal Santa Luċija u Triq Giuseppe Garibaldi, lejn Triq Aldo Moro fid-direzzjoni tal-Marsa, Ħal Qormi u l-Belt Valletta, se jiġu ggwidati biex jgħaddu mir-rotta ta’ Ħal Luqa.
Uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta se jkunu stazzjonati fit-toroq kollha li jagħtu għall-Addolorata Junction u Triq Aldo Moro, biex jiggwidaw lis-sewwieqa lejn ir-rotot alternattivi.
Fi stqarrija, l-Aġenzija tal-Gvern, Infrastruttura Malta, spjegat li se tkun qed tingħata l-aħħar kisja lill-wiċċ ta’ din il-karreġġjata, li nbniet mill-ġdid u twessgħet fix-xhur li għaddew. Dan ix-xogħol mistenni jieħu madwar 11-il siegħa, u se jinvolvi aktar minn 30 ħaddiem.
Permezz ta’ makkinarju li jintuża għat-tqegħid tal-asfalt, li għal dan il-għan, sitta minnhom se jkun qed jinħadmu maġenb xulxin, se tinkesa’ l-karreġġjata kollha, b’wisa’ ta’ 24.8 metri. Se jintużaw 800 tunnellata ta’ asfalt li se jkun qed jiġi manifatturat fi tliet impjanti differenti matul l-istess lejl.
Wara li jitlesta dan ix-xogħol, it-tieni fażi tal-Marsa Junction Project tkun prattikament tlestiet. Fil-jiem li ġejjin, ikun jonqos biss li jinżebgħu il-marki tal-korsiji fuq l-asfalt ġdid, kif ukoll it-twaħħil ta’ tabelli u tagħmir ieħor tat-triq.
Infrastruttura Malta fakkret ukoll kif bħalissa, tinsab għaddejja wkoll bit-tħejjijiet biex qabel tmiem din is-sena tvara t-tielet fażi tal-proġett tal-Junction tal-Marsa. Din il-fażi tinkludi l-bini ta’ seba’ pontijiet li se jsiru flok is-sistema tas-sinjali bid-dwal li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ €70 miljun, jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura oħra sabiex itejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ l-aktar ħolqa li minnha jivvjaġġaw persuni fis-sistema tat-toroq Maltin.
Il-proġett huwa konfinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.