Matul il-jum tal-Ġimgħa fi Tripli l-Awtoritajiet Libjani arrestaw mal-4,000 persuna li kienu qed jgħixu fil-belt mingħajr permess jew dokumenti. Dan kien parti mill-ħidma tat-traffikar illegali tal-bnedmin f’dan Il-pajjiż.
Il-midja Libjana irrappurtat ukoll li f’dawn ir-rejds ġew arrestati wkoll numru kbir ta’ traffikanti tal-bnedmin, traffikanti tad-droga u persuni kriminali oħra. Huwa mifhum ukoll li f’dan ir-rejds tkissru numru ta’ binjiet li kienu qed jintużaw għal skopijiet illegali fosthom it-traffikar tad-droga.
Dawn l-operazzjonijiet kienu parti minn ħidma kkordinata mill-Ministeru għall-Intern Libjan favur aktar stabbiltà fil-pajjiż. Intant aktar tard matul il-jum il-Prim Ministru Libjan Abdul Hamid Dbeibah żar ir-reġjun ta’ Qarqarish fejn seħħew l-operazzjonijiet mill-forzi tas-sigurtà kif ukoll iltaqa’ ma’ numru ta’ residenti tal-post.