Il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura bħalissa għaddej bil-proġett tar-restawr tal-Funtana tat-Tritoni u qed jistieden lill-pubbliku biex ikun parti minnu.
Il-Ministeru qed jagħmel sejħa pubblika lil min għandu xi ritratti kemm antiki u kemm riċenti tal-Funtana tat-Tritoni sabiex jgħaddi kopja tagħhom. Dan qiegħed isir bl-iskop li jintużaw f’pubblikazzjonijiet, wirjiet jew avvenimenti marbutin mal-proġett. Ir-ritratti jistgħu jkunu kemm tal-funtana nnifisha, ta’ persuni li jidhru magħha, inkella tal-wesgħa kif kienet qabel l-1959.
Wieħed jista’ jmur il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Blokka A, Triq Francesco Buonamici, il-Furjana, fid-29 u t-30 ta’ Mejju 2017, bejn id-9am u 12pm u bejn is-2pm u l-4pm u jħalli kopja tar-ritratti permezz tal-faċilitajiet li se jkunu offruti mill-Ministeru stess.
Ir-ritratti ser ukoll jintlaqgħu b’dawn il-metodi sal-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju 2017:
- Bil-posta tradizzjonali fl-indirizz: TRITONI, Kaxxa Postali 1026, Triq Nofsinhar, Il-Belt Valletta;
- Bil-posta elettronika fl-indirizz: tritoni@gov.mt (id-daqs tal-ittra elettronika m’għandux ikun akbar minn 20Mb);
- Mill-formola elettronika li tinsab fuq is-sit tritoni.gov.mt (id-daqs massimu tar-ritratti f’daqqa ma jistax jaqbeż 20Mb)