Xahrejn ‘il bogħod miż-żmien ħieni tal-Milied, bosta tfal diġà qed iħarbxu l-ittra lil Santa Klaws, dik l-ittra li fl-immaġinazzjoni ta’ moħħhom tmur lejn il-Finlandja fejn dak bil-baffi u xuxtu tagħti fl-aħmar għandu daqsxejn ta’ dwejra.
Iżda lil hinn minn xewqat kumplessi ta’ wħud mit-tfal, tifla minnhom tixtieq sempliċiment pupu bl-isem fuqu ta’ ommha li hija l-aqwa fid-dinja.
Bħalissa din it-tifla hija nieqsa mit-tgħanniq u l-wens ta’ ommha li tinsab l-isptar tirċievi trattament. Din l-istorja rrakkontata Remenda Grech li qed taħdem fuq is-sitt edizzjoni ta’ Children’s Dreams, inizjattiva li tgħin il-ħolm tat-tfal vulnerabbli jsir realtà.
Grech spjegat: “Soft-toy fuqu bl-isem fuqu I have the best mummy sabiex jiftakru fil-mummy tagħhom illi qiegħda sfortunatament tirċievi trattament ġewwa l-isptar. Għandna tfal oħrajn illi fil-kamra fejn għandhom, fejn qed jgħixu bħalissa jixtiequ li jkollhom dekorazzjonijiet ħalli jkunu jistgħu jiddekoraw il-kamra tagħhom.”
Din is-sena sar magħruf li hemm mal-2,500 ħolma u dawk interessati li jikkontribwixxu biex jinxtraw ir-rigali tal-Milied tat-tfal, fosthom familji u negozji, jistgħu jidħlu fuq is-sit childrendreams.org
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Falzon saħaq fuq is-sens tas-solidarjetà filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali Alfred Grixti qal li l-professjonisti li jaħdmu fil-fondazzjoni jmorru lil hinn minn triqthom biex il-ħolm tat-tfal isir realtà.
Fl-istess konferenza spikka t-tfajjel Quiven, li m’ilux wisq tkellem magħna dwar it-taħriġ li qed jirċievi fid-daqq tal-pjanu.
Is-sena l-oħra, Quiven Ellul li huwa nieqes mid-dawl ngħata apparat biex jgħinu fix-xogħol tal-iskola iżda issa spikka l-altruwiżmu tiegħu. Huwa qal: “Biex il-ħabib jkollu embosser bħali.”
L-innoċenza tiegħu ħarġet fil-beraħ għaliex ma naqas lura li jgħidilna li lil sieħbu ma jridux jiffranka imqar somma waħda li tingħata lilu fl-iskola.
“Ħalli jagħmel il-homework bħali”, temm jgħid Quiven.