Ħarġu sejħiet għal applikazzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ suldati u uffiċjali kadetti mal-Forzi Armati ta’ Malta. Din hija parti mill-ħidma tal-Gvern sabiex aktar żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jagħżlu karriera militari.
B’sodisfazzjon il-Ministeru għall-Internu Sigurtà Nazzjonali ħabbar li t-taħriġ tar-reklutaġġi militari issa qed jiġu rikonoxxuti mill-Malta Qualifications Recognition Information Centre bħala livell 3, fil-Qafas Malti tal-Kwalifiċi. Apparti minn hekk, dan ser ikun l-ewwel kors fejn it-taħriġ ser isir b’kollaborazzjoni mal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati.
Wara li kien hemm żewġ ingaġġi matul din is sena, din is-sejħa ser tassigura żewġ ingaġġi oħra ta’ suldati regolari matul is-sena 2017.
Fil-preżent 68 suldat rekluta għadhom qegħdin isegwu kors intensiv ta’ formazzjoni ta’ 14-il ġimgħa.
Dawk interessati li japplikaw għar-rwol ta’ suldat, jridu jgħaddu min test fiżiku, eżami tal-kitba, intervista u eżami mediku.
Dawk interessati li japplikaw għar-rwol ta’ Uffiċjal Kadett jistgħu japplikaw jew għal Uffiċjal Kadett fuq l-art, fuq il-baħar, jew bħala piloti.
Dawk il-kandidati li jgħaddu mill-proċess ta’ selezzjoni li hu maqsum fi 3 partijiet, jridu jsegwu tnax-il xahar ta’ taħriġ b’kollaborazzjoni mal-Akkademja għall-Forzi Dixxiplinati. Huma mistennija li jsegwu wkoll perjodu twil ta’ taħriġ intensiv f’Akkademji Militari barra minn xtutna, qabel ma jilħqu Uffiċjali Kadetti.
L-applikazzjonijiet għaż-żewġ rwoli jistgħu jiġu sottomessi bejn nhar it-Tnejn 28 ta’ Novembru u t-12 ta’ Diċembru 2016 fl-Uffiċċju ta’ Reklutaġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta fil-Barracks ta’ Ħal Luqa jew fiċ-Ċentru tal-Eżaminijiet ir-Rabat Għawdex.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn hawn: