“RABA’” huwa l-isem tal-album il-ġdid ta’ Tribali – band Maltija li bl-istil uniku tagħha ġibdet l-ammirazzjoni ta’ bosta.
B’disa’ kanzunetti li jsaħħru u jpaxxu ’l widna ta’ kull min jismagħhom, ir-raba’ album ta’ Tribali huwa r-riżultat ta’ evoluzzjoni mużikali ta’ tnax-il sena li wasslet għal armonija ħafna aktar rikka mill-ewwel tliet albums tal-istess band.
Bl-element tan-natura fl-isfond, “RABA’” huwa kontinwazzjoni tal-vjaġġ mużikali ta’ Tribali, li jinkorpora fih elementi li jfakkru minn fejn bdiet il-band Maltija u jagħtu indikazzjoni ta’ fejn sejra.
Bħat-tliet albums l-oħra, ir-raba’ wieħed għandu l-għan li permezz tal-mużika, iwassal enerġija pożittiva.
L-istrumenti li nużaw huma partikolari li ntroduċejnihom għall-ewwel darba f’Malta fit-2006. Magħhom dejjem inħobbu nżidu elementi ta’ strumenti oħrajn. Fl-aħħar album daħħalna l-hangdrum strument interessanti ħafna u f’dal-album ukoll għandna kompożizzjoni li hija bil-hangdrum u s-sabiħ tagħha li fuqha għandha l-lirika Maltija.
Għalkemm l-isem Tribali ma baqax wieħed ristrett għal pajjiżna, hekk kif qed jikseb popolarità barra minn xtutna, l-ixprun għall-band hija l-parteċipazzjoni u l-entużjażmu tal-Maltin.
Ġurnata importanti ħafna fuq il-kalendarju ta’ Tribali hija l-erbgħa ta’ Lulju, b’kunċert fit-Teatru Grieg f’Ta’ Qali.
Ħa naħdmu ħafna bl-aspett viżiv allura min jaf il-kunċerti tat-Tribali jaf li dejjem ikollna affarijiet spettakolari imma did-darba naħseb ħa nagħmlu xi ħaġa oltre.