It-triatleta tal-Birkirkara St. Joseph Sports Club Keith Galea waqqaf rekord ġdid fuq il-korsa Olimpika tad-Distanza fis-Salina meta temm id-distanza f’ħin ta’ 2:04.33. Ir-rekord ġie stabbilit fis-Salina, dan ix-xahar meta l-Club ospita t-tieni tiġrija tal-Go&Fun Triathlon Series għal din is-sena.
It-tellieqa, li kienet tikkonsisti f’għawma ta’ 1500m, 40km fuq ir-rota u ġirja ta’ 10km, rat lil Galea jistabilixxi l-pass mill-bidu nett. Hu ħareġ mill-ilma b’distakk komdu quddiem grupp b’saħħtu magħmul minn Roberto Briffa, Martin Beyer, Josef Bonavia, Christian Anastasi u Julian James Asciak.
Matul it-taqsima tar-rota, id-distakk beda jonqos. Roberto Briffa kompla juri s-saħħa tiegħu f’din id-dixxiplina, biex għal darb’oħra rreġistra l-aħjar hin. Sfortunatament, Josef Bonavia, li kien qed jittama jiehu post fuq il-podju, sofra ħsarat mekkaniċi f’din it-taqsima li ġiegħluh jabbanduna t-tellieqa. Hekk kif Galea żamm il-vantaġġ b’Briffa fil-viċin warajh, il-battalja għat-tielet post tal-podju intensifikat. It-tielet post ġie miksub Christian Anastasi.
Maya Schembri Rodgers ħadet it-tieni podju tagħha tal-istaġun. Hi kienet segwita minn Deborah Schembri li rreġistrat l-aħjar ħin fuq ir-rota fost it-triatleti nisa u Justine Scicluna li spiċċat fit-tielet post.
Distanza Sprint
Kai Azzopardi reġa’ ddomina din id-distanza. Hu ħareġ mill-ilma b’distakk komdu fuq Ben Psaila u Chylen Fava. Waqt it-taqsima tar-roti, Neil Falzon mexa l-quddiem fil-posizzjonijiet biex spicca fit-tieni post. Kompetizzjoni bejn Psaila u Fava rat lil Psaila jispiċċa fit-tielet post.
Fil-kategorija femminili, il-podju ġie magħmul minn Pia Grech, Lindsey Pirotta, u Clara Attard. Grech żammet il-vantaġġ tul it-tellieqa, għalkemm iffaċċjat kompetizzjoni iebsa minn Pirotta, li kiseb l-aktar ġirja mgħaġġla fil-kategorija.
Birkirkara St Joseph Sports Club esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-Kunsill Lokali tan-Naxxar, Transport Malta, il-Pulizija tad-Distrett tan-Naxxar, Go & Fun Energy Drink, uffiċjali, voluntiera u atleti għall-appoġġ tagħhom.
It-tiġrija ta’ qabel tal-aħħar tal-BSJ Go&Fun Triathlon Series se ssir il-Ħadd 19 ta’ Mejju fis-730am fis-Salina.
Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa online – https://bsj.mt/events-calendar/
(Photo Credit: BSJ/ Kieran Borg)