L-awtur Trevor Zahra ħass li kellu jgħid tiegħu fuq riklam li qed jinstema’ fuq ir-radju. Permezz ta’ Facebook, Zahra kritika l-użu taż-żewġ lingwi uffiċjali ta’ pajjiżna f’riklam wieħed. Fir-riklam, żewġ tfajliet jiddiskutu roħs il qed joffri ħanut f’ċertu dati. Waħda tgħid lill-oħra li l-pronunzja tad-dati bil-Malti hija kemxejn diffiċli.
Il-kritika ta’ Zahra hija ħarxa tant li jgħid li t-tfajliet li jinstemgħu, qiegħdin “jobormu lsienhom u jitkessħu”. Lil min kiteb ir-riklam isejjaħlu ‘ġenju’ b’sarkażmu u qal, bla tlaqliq, li qed ‘jitnejjek bl-ilsien Malti’.
Mill-kitba tiegħu, l-awtur jagħti x’jifhem li huwa urtat mhux ftit, anke minħabba l-mod li bih iwissi lil min għamel ir-riklam. Qallu li jekk jaħseb li se “niggustawh, jew se jagħmel ġid lill-“warehouse” li qed jirreklama, ngħidlu li SEJJER IMQARRAQ ĦAFNA. Anzi … BIL-MAQLUB!!!!!”
Ħafna jsostnu wkoll li minkejja l-kliem emfatiku ta’ Zahra u l-użu ta’ ittri kapitali u puntini, diffiċli mmorru lura għal żmien meta ‘warehouse’ bi prodotti għall-bejgħ jissejjaħ ‘maħżen’. Hemm ukoll skola ta’ ħsieb li tgħidlek li r-riklam jirrifletti r-realtajiet li nsibu fis-soċjetà Maltija ta’ llum.
Inti x’taħseb?
Ritratt prinċipali: The People of Malta