Sayfullo Saipov, ir-raġel akkużat bl-attakk terroristiku fi New York ix-xahar li għadda li ħalla 8 persuni mejta u 12 oħra midruba, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
L-aggressur saq bi trakk fuq folla ta’ nies li kienu mexjin biswit karreġġjata taċ-ċiklisti.
Huwa qed jaffaċċja 22 akkuża relatati ma’ qtil u terroriżmu; fosthom li kien qed jaħdem għal dawk li jsejħu lilhom infushom Militanti tal-Istat Iżlamiku.
Sayfullo Sapiov, imwieled l-Użbekistan u kien ilu jgħix l-Istati Uniti mill-2010, kien ġie arrestat minnufih wara l-attakk f’Manhattan fl-aħħar jum t’Ottubru.
L-akkużi li qed jaffaċċja jistgħu jwassluh għall-piena ta’ mewt, u l-President Amerikan Donald Trump tenna għal aktar minn darba biex dan iseħħ.
L-attakk huwa l-iktar wieħed imdemmi fi New York mill-attakki tal-11 ta’ Settembru tal-2001.