Leon Borg t’ għoxrin sena tressaq il-qorti akkużat li waqt li hu meħlus fuq liberta’ proviżjorja b’ rabta ma’ każ li għadu qed jinstema’ daħal fi ġlieda bl-idejn nhar Jum il-Milied u kkaġuna ġrieħi fuq tfajla minorenni.
Borg, residenti Birkirkara kien akkużat li kkaġuna feriti gravi b’ arma regolari, kellu fil-pussess tiegħu arma, kiser il-paċi pubblika u kiser il-kundizzjoni ta’ liberta provizorja.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Elton Taliana spjega kif l-akkuzat u ġuvni ieħor daħlu fi ġlieda fl-Istazzjon ta’ Birkirkara dwar argument li kien diġa beda bejn it-tfajliet tagħhom fuq facebook. Waqt l-argument, il-ġuvni l-ieħor, li ukoll kien arrestat, beda jfajjar id-daqqiet tal-mus li Taliana laqa’ għalihom bil-ġakketta- li kienet eżibita mill-avukat difensur fil-qorti.
Borg li kellu fuqu ponn tal-ħadid fajjar daqqa, li minflok laqtet lit-tfajla, li isimha ma jistax jixxandar peress li hija minuri, u kawża t’hekk it-tfajla ġarrbet ħsara fit-tambur ta’ widnejha.
Id-difiża saħqet li d-daqqiet ingħataw bħala difiża u talbet għall-ħelsien mill-arrest fuq il-bażi ta’ presunzjoni tal-innoċenza fid-dawl li l-każ preċedenti ta’ Borg għadu ma nqatax.
Iżda l-ispettur oġġezzjona għaliex fi kliemu kiser il-fiduċja tal-qorti meta reġa’ daħal fl-inkwiet u minħabba l-biża ta’ intalċ ta’ prova peress li x-xhud kollha jgħixu fl-istess raħal. Il-Maġistrat ippospona d-deċiżjoni tiegħu dwar il-ħelsien proviżorju.