L-importanza ta’ iktar tħawwil ta’ siġar indiġeni qiegħda kulma tmur tiżdied. Minbarra li estetikament dawn isebbħu l-irħula u l-ibliet tagħna, il-benefiċċiji li wieħed jieħu mis-siġar imorru lil hinn minn hekk, u huma ħafna l-kampaniji edukattivi mmirati sabiex iqajmu iktar għarfien dwar dan. #Treedom hija waħda minnhom.
Quicklets u Zanzi ngħaqdu mal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, sabiex għal kull dar mibjugħa minn Zanzi Homes, il-kumpanija ħawlet siġra, b’total ta’ ’l fuq minn 100 siġra mħawla s’issa. Proġett li inkluda wkoll il-kollaborazzjoni tal-iskola primarja f’Ħad-Dingli u d-Dingli Scouts, flimkien ma’ NGOs oħra.
Is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Sandro Azzopardi, faħħar lil din il-Kumpanija tal-inizjattiva u fakkar kif huwa proprju f’raħal bħal Ħad-Dingli, fejn is-siġar mhumiex neqsin, li tinħass iktar mill-viċin l-importanza ta’ iktar siġar f’Malta. “Meta tistaqsi t-tfal fl-iskola primarja tagħna biex ipinġu u jiddeskrivu r-raħal tagħhom bla ebda dubju l-maġġoranza tagħhom ipinġu siġra. Ħaġa li mhux daqshekk komuni f’partijiet oħra f’Malta fejn il-bini jiddomina u n-natura saret lussu. Għalkemm wieħed ma jistax iwaqqaf il-progress, dan irid ikun sostenibbli. Inizjattivi ta’ responsabbiltà soċjali korporattiv bħal dawn jgħinu sabiex jagħtu lura lill-komunità rigal imprezzabli; dak li ngħożżu l-ambjent ta’ madwarna.
B’hekk ikomplu l-inizjattivi edukattivi mill-Kunsill Lokali sabiex iqajmu iktar għarfien u jsebbħu l-lokalità. L-istess Kunsill kellu l-akbar ammont ta’ parteċipazzjoni fil-proġett ‘Sejħet is-Siġar’ mit-68 Kunsill Lokali f’Malta u f’Għawdex,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, Silvio Parnis, li faħħar lill-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli u ħeġġeġ iktar Kunsilli Lokali sabiex jimxu fuq il-passi tiegħu.
Ftit huma dawk li jafu li qabel il-wasla tal-Kavallieri f’Malta, pajjiżna kien mimli siġar: l-iktar b’siġar tal-prinjol. Ironikament kienu dawn li ħasdu l-ammont kbir ta’ siġar sabiex minnhom jagħmlu bastimenti tal-gwerra, u imbagħad b’kumpens ħolqu l-Buskett.
Sabiex nagħtu naqra fatti xjentifiċi persuna waħda tiġġenera madwar 10 tunnellati ta’ dijossidu tal-karbonju. Siġra waħda tneħħi madwar tunnellata ta’ dan il-gass matul il-ħajja tagħha u minflok tagħti l-ossiġnu. Is-siġar jgħinu sabiex ikessħu t-temperatura tad-dinja billi bid-dell li jagħmlu jkessħu l-arja u l-art ta’ taħthom.
Bħalissa tinsab għaddejja konsultazzjoni pubblika sabiex l-ERA tirrevedi r-Regolamenti tal-Protezzjoni tas-Siġar u l-Imsaġar sabiex tinkludi fil-lista ta’ protezzjoni 14-il speċi addizzjonali fil-Gżejjer Maltin, bil-għan li jiġu protetti siġar fi spazji miftuħa, spazji pubbliċi urbani u jżidu l-kontrolli fuq attivitajiet u speċi aljeni li jistgħu jagħmlu ħsara lis-siġar Maltin. Infatti qed jiġi propost li persuni li jwettqu interventi fuq siġar protetti jkunu liċenzjati. Il-penali tal-Qorti proposti jiżdiedu b’mod partikolari għal dawk l-interventi fuq siġar strettament protetti. Il-pubbliku jista’ jgħaddi l-veduti tiegħu sal-1 ta’ Marzu, 2018.
Zanzi Homes u l-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli qed jippjanaw li jitħawlu aktar siġar fil-lokalità, inklużi fi spazji pubbliċi sabiex jinħolqu żoni ħodor, vibranti u diversifikati. Steve Mercieca, is-CEO ta’ Zanzi Homes qal li “jekk illum nistgħu ngawdu picnic fid-dell, huwa għaliex snin ilu xi ħadd iddeċieda li jħawwel siġra. Jekk irridu li jkollna futur pożittiv irridu naħdmu għalih issa.”