Dalgħodu fil-premises tad-Dingli Scouts Group, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera żar x-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni, tħawwil ta’ siġar indiġeni u sistema’ t’irrigazzjoni ġdida li ġew installati fejn żona għal snin mitluqa issa se tkun qed titgawda mill-kommunità Dinglija.
Permezz tal-iskema Tree Your Town, l-iskola Primarja ta’ Ħad-Dingli ngħatat l-opportunità li trodd xi ħaġa lura lill-komunità sabiex tkompli tħaddar u ssebbaħħ r-raħal ta’ Ħad-Dingli. L-istudenti kollha tar-raba’, ħames u sitt sena, ħawwlu madwar mitt siġra indiġena fosthom Għargħar, Żnuber, Ballut u Ċipress, grazzi ukoll bl-għajnuna ta’ Zanzi Homes.
Il-Kumitat EkoSkola ddeċieda li juża fondi tal-iskema tal-Ministeru tal-Ambjent, Żvilupp Sostennibbli u Tibdil fil-Klima u Nature Trust – FEE Malta sabiex jagħmel sistema ġdida ta’ irrigazzjoni f’dan il-ġnien u anke fi Ġnien il-Ħaddiem, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli.
Il-proġett Tree Your Town sewa ta’ opportunità sabiex l-istudenti jipparteċipaw b’mod attiv f’din l-inizzjattiva, u jiżdiedu ż-żoni aktar ħodor f’Ħad-Dingli. Dan il-proġett jikkumplimenta dak ta’ Quicklets u Zanzi li ngħaqdu mal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli, sabiex għal kull dar mibjugħa minn Zanzi Homes, il-kumpanija ħawlet siġra, b’total ta’ ’l fuq minn 100 siġra mħawla s’issa.
Meta żar din l-attivita’ l-Ministru Josè Herrera faħħar din l-inizjattiva u nkoraġġa lit-tfal tal-iskola sabiex jgħożżu l-ambjent Malti. Huwa saħaq kif l-protezzjoni tal-ambjent issa se tkun qed tingħata l-għola protezzjoni fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.