Ix-xahar li għadda bdew jingħataw servizzi fil-komunità fi tliet kliniki biex jiġu trattati każijiet ta’ persuni li jibqgħu jbatu mis-sintomi tal-Covid-19 minkejja li jkunu ilhom numru ta’ ġimgħat jew xhur li jkunu fiequ mill-vajrus.
Is-servizz qed jingħata fil-kliniki tal-Mellieħa, ta’ Tal-Pietà, u ta’ Marsaxlokk.
Fiċ-ċentru ta’ Marsaxlokk iltqajna mat-tabiba Dorothy Zammit, li tispeċjalizza fil-kura tal-familja.
Hija spjegat kif id-Dipartiment tal-Kura Primarja ilu involut mal-pazjenti bil-Covid-19 sa mill-bidu tal-pandemija. Qalet li, minn mindu beda jissemma l-COVID fit-Tul, inħass il-bżonn li n-nies jiġu trattati għal dawn is-sintomi fit-tul.
“Is-sintomi jistgħu jkunu varji bħal, pereżempju, għejja, qtugħ ta’ nifs, problemi fil-memorja, u wġigħ mhux speċifiku. Aħna ngħidu li hija Long Covid, bħala dijanjożi, li ssir wara li nkunu eskludejna problemi oħrajn li possibilment ikunu qed jagħtu sintomi simili.”
Dr Dorothy Zammit, tabiba tal-familja
It-tabiba spjegat x’jiġri mal-mument li pazjent bil-Covid fit-tul jirfes l-għatba tal-klinika.
“Il-pazjent se jiltaqa’ l-ewwel darba ma’ speċjalista fil-kura tal-familja, fejn tittieħed l-istorja tal-infezzjoni tal-Covid, x’ġara u x’sintomi kien hemm, minn xiex għadda l-pazjent. Imbagħad, ovvjament, jiġu mistoqsija preżentament minn xiex qed ibatu u kif dawn is-sintomi qed jaffettwaw lill-persuna fil-ħajja ta’ kuljum.”
Dr Dorothy Zammit, tabiba tal-familja
Minn hemmhekk isir pjan ta’ azzjoni għall-kura li jkun hemm bżonn. F’każ li l-persuna tirrikjedi kura aktar speċjalizzata, din tiġi riferuta għand speċjalisti fl-Isptar Mater Dei.
Mill-pazjenti li qed jagħmlu użu minn dan is-servizz ġdid, diġà ħareġ biċ-ċar l-effett pożittiv tal-vaċċin, għax il-maġġoranza ta’ dawk li qed ifittxu l-għajnuna għall-Covid fit-Tul huma nies li mardu bil-vajrus qabel sar disponibbli l-vaċċin.
“Qed toħroġ iktar riċerka li qed turina li t-tilqima qed tipproteġi anki kontra l-Long Covid, jiġifieri mhux biss kontra s-severità tas-sintomi, mhux biss kontra li persuna tmur l-isptar, imma qed tipproteġi wkoll kontra sintomi li huma fit-tul bħalma huma tal-Long Covid, u qed tnaqqas l-inċidenza ta’ dawn is-sintomi kważi bin-nofs.”
Dr Dorothy Zammit, tabiba tal-familja
Kull min għandu iktar minn sittax-il sena, kellu l-Covid fil-passat, u jħoss li għadu qed ibati mis-sintomi, jista’ jagħmel appuntament f’dawn il-kliniki, billi jew jiġi riferut mit-tabib tal-familja jew iċempel fuq 21231231 u jingħata appuntament fil-klinika li tkun l-eqreb lejn fejn ikun joqgħod.