Fi stqarrijal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qalet li b’riżultat ta’ diversi laqgħat bejn il-Federazzjoni u l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u s-Segretarjat għall-Agrikultura u Sajd, sa mill-2013, il-kaċċaturi u n-nassaba, membri tal-istess FKNK, ta’ ġol-Park tal-Majjistral, issa se jkunu ‘ttrattati b’mod aktar ekwu bl-emendi fir-regolamenti relattivi li saru li ġew fis-seħħ illum.
Il-FKNK tissaportja dawn l-emendi u tirringrazzja lill-Gvern, partikolarment lill-Ministru José Herrera u s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, talli fehmu s-sitwazzjoni li kienu fiha dawn il-kaċċaturi u n-nassaba fil-konfront tal-kaċċaturi u n-nassaba l-oħra fil-bqija tal-gżejjer Maltin. Dan minkejja l-ostakoli kollha li ħolqu terzi u b’riżultat ta’ liema, ċertu emendi li saru, la jagħmlu sens, la huma prattiċi u lanqas huma ‘bbażati fuq xi studju rigward il-konservazzjoni tal-abitat tal-Park jew in-natura tal-passa tal-għasafar kaċċabli.
Il-FKNK issa beħsieba tkompli b’aktar taħditiet, biex jiġu emendati ukoll ir-regolamenti rispettivi fir-rigward tal-multi u l-pieni; il-kaċċa tal-fenek selvaġġ; u l-falkunerija.
Fl-aħħarnett, u rigward l-insib, il-FKNK tixtieq tawgura l-bqija tal-stagun tajjeb lin-nassaba kollha u tfakkar lin-nassaba tal-pluvieri u l-imlivezz, li bis-saħħa tal-interventi tar-rappreżentanti tal-istess FKNK fuq il-Kumitat Ornis, tneħħiet il-kwota tal-individwu tal-qbid, kemm tal-imlivezz kif ukoll tal-pluvieri. Il-kwoti nazzjonali ta’ 5000 malvizz u 700 pluviera jibqu fis-seħħ, u peress li dan l-insib qed isir b’applikazzjoni ta’ deroga, kull qbid, kemm ta’ malvizz kif ukoll ta’ pluviera, xorta waħda jrid jiġi ‘rrapurtat immedjatament bis-sistema tal-mobajl, kif ukoll għandu jkun irrappurtat kull qbid tal-għasafar tal-għana.
Mill-2013 il-kaċċa u l-insib ġol Park tal-Majjistral kienu permessibli biss sal-10:00 ta’ filgħodu. L-emendi li saru huma is-segwenti:
Kaċċa: Settembru, Ottubru, Novembru u waqt xi staġun miftuħ fir-rebbiegħa, il-ħin permessibli żdied sal-12:30 ta’ wara nofs in-nhar, apparti kull nhar t’Erbgħa u fil-Festi Pubbliċi, meta l-ħin permessibli jibqa sal-10:00 ta’ filgħodu. Ir-restrizzjoni tal-Festi Pubbliċi tapplika ukoll waqt xi staġun miftuħ fir-rebbiegħa. Diċembru u Jannar tibqa sal-10:00.
Insib: Tul l-istaġun miftuħ sas-14:30