Miżura ewlenija li tħabbret fil-Budget għas-sena 2022 kienet dik ta’ trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd.
Fil-fatt, fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana spjega li dan il-Gvern għall-kuntrarju ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti passati, ħadem kemm felaħ biex ikattar kuxjenza favur l-użu tat-trasport pubbliku.
B’hekk tenna li mill-ewwel ta’ Ottubru tas-sena d-dieħla, il-Gvern se jibda jipprovdi trasport pubbliku b’xejn għal kull Malti u Għawdxi u nies residenti f’Malta u f’Għawdex.
Din il-miżura se tagħmel lil Malta t-tieni pajjiż fl-Ewropa fejn it-trasport pubbliku huwa b’xejn.
Permezz ta’ din il-miżura, ħaddiema li ta’ kuljum jagħmlu użu mit-trasport pubbliku se jiffrankaw ’il fuq minn €300 fis-sena.
Intant il-Ministru Caruana kompla jgħid li l-Gvern, b’rabta mas-servizz tal-ferry ser ikompli bil-ħidma tiegħu biex iżid in-numru ta’ mollijiet biex b’hekk ikunu jistgħu jinħolqu rotot alternattivi u b’hekk titnaqqas id-dipendenza fuq il-vetturi privati.
Għalhekk tenna li ser jitlesta il-bini tal-mollijiet f’Tas-Sliema u Bormla u se jsir bini mill-ġdid tal-mollijiet u promenade ġdid bejn il-Birgu u l-Kalkara.
Dan filwaqt li se jsir bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Buġibba.