Il-ftehim milħuq dwar it-trasport għall-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti, kif ħabbar il-Gvern fl-aħħar baġit ippreżentat, ifisser li issa kull student għandu l-faċilità ta’ trasport xejn għall-iskejjel tiegħu.
Dan huwa Gvern li jżomm kelmtu.
Il-Partit Laburista spjega li t-trasport b’xejn għall-istudenti tal-Knisja u dawk Indipendenti mhux biss jikkonferma l-impenn tal-Gvern sabiex jasal fuq sfidi bħat-traffiku li mhumiex intrinsikament marbuta mal-edukazzjoni, iżda fuq kollox ikkonferma, jekk kien hemm il-bżonn, fl-impenn mingħajr preċedent fil-qasam tal-edukazzjoni minn dan il-Gvern.L-implimentazzjoni ta’ din l-iskema se twassal għall-dħul sinifikanti lill-eluf ta’ familji Maltin u filwaqt li tingħata żieda mistħoqqha lill-operaturi, ma tirriżultax f’abbużi. Apparti minn hekk, il-problema tat-traffiku f’pajjiżna se tkun qed titjieb b’mod prattiku.
Fuq kollox, din hija miżura bla preċedent u jeħtieġ li jkun hemm sforz ħolistiku u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd biex jitnaqqsu l-isfidi li ġġib magħha miżura ta dan il-kobor u jkun hemm riżultati mixtieqa.
Hija ħasra li fl-aħħar ġimgħat, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista provat ixxekkel ukoll dan il-ftehim u tiżra’ inċertezza waqt li kienu għaddejin id-diskussjonijiet u n-negozjati. Xhieda ta’ oppożizzjoni negattiva li għaliha l-politika partiġjana hija qabel l-interess tat-tfal u l-familji. Filwaqt li l-Oppożizzjoni kompliet bil-kantaliena tas-soltu u mhux veritiera dwar nuqqas ta’ investiment fl-iskejjel, li totalment mhux il-każ, il-Gvern, apparti li qed jinvesti f’bini ta’ skejjel ġodda u manutenzjoni ta’ oħrajn, issa laħaq ftehim bħal dan.
Gvern Laburista ma jinvestix fil-ġebel biss, iżda jinvesti fil-kumdità tal-istudenti u l-familji tagħhom, jinvesti fl-għalliema u fil-mod kif l-esperjenza edukattiva tkun tista’ titjieb.
Dak għandu jkun dejjem il-kejl li wieħed jimxi fuqu għas-suċċess fil-qasam edukattiv. Dan huwa Gvern li jżomm kelmtu, temm jgħid il-Partit Laburista.