Persuni li jħarġu klieb gwida se jkunu jistgħu jagħmlu użu mit-trasport pubbliku mingħajr ħlas sabiex ikunu jistgħu jħarrġu lill-klieb kif jaġixxu meta jkunu abbord xarabank.
Dan tħabbar mill-Malta Public Transport wara li qalu li jinsabu f’kollaborazzjoni mal-Malta Guide Dogs Foundation. Huma qalu li din id-deċiżjoni se tkun qed isservi bħala għajnuna biex il-klieb jitħarrġu aktar u jkunu aktar familjari mal-ambjent li toffri tal-linja.
Dawk li jħarrġu l-klieb se jkunu qed jingħataw tag apposta li biha jkunu jistgħu jitilgħu b’xejn abbord tal-linja meta jkunu bil-klieb waqt il-ħin tat-taħriġ.
Iċ-Chairman tal-Malta Guide Dogs Foundation, Leone Sciberras, qal li din l-aħbar hi waħda ferm pożittiva hekk kif minnha se jkunu qed igawdu persuni neqsin mid-dawl sabiex ikunu jistgħu jużaw it-trasport pubbliku b’mod aktar faċli.