Għall-ewwel darba il-Gvern ippubblika dokument dettaljat li juri x’azzjonijiet ħa fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali.
Id-dokument – ‘Governance – Action on the NAO’s Annual Report 2014’ – kien ippreżentat f’Kastilja mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, li spjega kif dan jikkonsolida u jsaħħaħ il-governanza u t-trasparenza. Biex sar dan id-dokument kull Ministeru ntalab jgħid x’azzjonijiet ittieħdu dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali.
Fejn għadha ma tteħditx azzjoni hemm spjegat x’passi se jittieħdu u fejn deher li kien hemm nuqqasijiet fir-rapport ittieħdet dik magħrufa bħala azzjoni korrettiva. Jirriżulta li minn 259 rakkomdanzzjoni tal-NAO intlaqgħu 241 biex ħareġ biċ-ċar kemm dan l-eżerċizzju wassal biex dak li qal l-Awditur Ġenerali ma waqax fuq widnejn torox.
Xi rakkomandazzjonijiet oħra ma ġewx aċċettati għaliex m’humiex taħt il-kompetenza ta’ Ministeru jew inkella jmorru kontra l-policy stabbilita fis-servizz pubbliku.
Il-Prim Minsitru Joseph Muscat stqarr li ebda ekonomija ma tista’ tkun b’saħħitha jekk il-Governanza ma tkunx b’saħħitha. Bidla li dan il-Gvern wiegħed u qed iwettaq, għax jemmen fiha.