L-industrija tal-films f’Malta għaddiet minn trasformazzjoni profonda tul dawn l-aħħar snin u llum qed titqies fost l-aktar vitali għall-ekonomija Maltija.
Dan ġie spjegat fil-Parlament mill-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, waqt seduta tal-Kumitat Permanenti għall-Kontijiet Pubbliċi, il-PAC, fejn irrimarka kif is-settur inbidel minn wieħed staġjonali għal wieħed li jopera matul is-sena kollha, b’impatt dirett u konkret fuq l-ekonomija.
Grech ippreżenta għadd ta’ ritratti dwar is-sitwazzjoni li Gvernijiet Nazzjonalisti ħallew fihom il-faċilitajiet f’din l-industrija. Ritratti li jixhdu telqa papali u l-mod kif amministrazzjonijiet Nazzjonalisti dejjem qiesu din in-niċċa bħala bla importanza.
Kompla li, sa minn meta beda jmexxi l-Kummissjoni hu, Malta laqgħet xejn inqas minn 169 produzzjoni ċinematografika, inklużi blockbusters ta’ Hollywood, b’baġit kollettiv li jaqbeż is-€635 miljun.
Dan l-investiment, spjega Grech, wassal għal moviment ekonomiku li, f’ħames snin biss, iġġenera biljun ewro fil-katina tal-ekonomija nazzjonali.
Il-Kummissarju spjega kif, illum, Malta għandha infrastruttura robusta, inkluż blueprint dettaljat ta’ kull metru kwadru maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar għal soundstage ta’ livell dinji, li se joffri garanzija ta’ karrieri sostenibbli fil-films għal ġenerazzjonijiet ġodda.
Grech tenna li, ir-rapporti ekonomiċi mħejjija mill-Malta Film Commission, ġew ukoll ivverifikati mill-Awditur Ġenerali, li kkonferma li ċ-ċifri rrapportati juru riżultati korretti u jagħtu stampa reali tal-impatt li qed iħalli dan is-settur fuq l-ekonomija.
Fost dawn ir-riżultati, Grech semma kif, fl-2023 biss, 18% mit-tkabbir ekonomiku ta’ Malta ġie direttament mill-industrija tal-films, jiġifieri kważi €1 minn kull ħamsa ta’ tkabbir.