F’inqas minn tliet snin kien hemm 214–il ħaddiem Għawdxi li skont ix-xewqa tagħhom kienu trasferiti lejn Għawdex biex jaħdmu fl-istess gżira li jgħixu fiha.
Ikkonferma dan il-Prim Ministru f’tagħrif li ta fil-Parlament. Il-Prim Ministru Muscat qal lil Chris Said li dawn kienu 97 fl-2013, 85 fl-2015, 24 fl-2015 u 8 fl-ewwel erba’ xhur tal-2016.
Fl-aħħar leġiżlatura kollha, in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex kien ta’ 120. Dan ifisser li fl-ewwel tliet snin biss tal-amministrazzjoni preżenti n-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li ġew trasferiti minn Malta għal Għawdex kien 44% atkar mill-aħħar legiżlatura sħiħa tal-amministrazzjoni preċedenti.
Hija priorita’ ta’ din l-amministrazzjoni, qal il-Prim Ministru, li kemm jista’ jkun, ħaddiema Għawdxin jibqgħu jaħdmu f’Għawdex stess. Għal dan il-għan din l-amministrazzjoni għandha programm sħiħ ta’ ħolqien ta’ impjiegi, anke fi ħdanha stess, kif jikkonfermaw dawn il-figuri.