Ix-xogħol infrastrutturali fuq il-Mużew ta’ Għawdex wasal biex jibda. Għal raġunijiet ta’ ħarsien u sigurtà, il-monument ta’ Ninu Cremona, li jinsab biswit is-sit tal-mużew, se jkun trasferit b’mod temporanju sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fuq l-imsemmija binja. Il-mafkar se jkun ippreservat f’post sigur biex jingħata l-attenzjoni xierqa u ma jkun espost għall-ebda ħsara sa ma jirritorna f’postu meta jitlesta x-xogħol.Il-mafkar lil-lingwista Għawdxi Ninu Cremona (1880-1972) huwa xogħol l-istatwarju Għawdxi Alfred Camilleri Cauchi u kien sar fuq inizjattiva tal-għalliema u l-studenti tal-Liċeo ta’ Għawdex. Kien inawgurat mill-Ministru għall-Edukazzjoni ta’ dak iż-żmien Agatha Barbara fil-25 ta’ Mejju 1973. Il-figura ta’ Ninu Cremona kienet inħadmet fil-bronż fil-funderija San Carlo tal-Marsa.
Ix-xogħol fuq il-Mużew ta’ Għawdex huwa proġett tal-Ministeru għal Għawdex, iffinanzjat minn Fondi Ewropej taħt il-programm ERDF, Operation Programme 1, Priority Axis 5.
Ritratt: MGOZ