Tul dawn il-ġimgħat, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca sejħet diversi laqgħat mal-President Nominat, Dr George Vella biex tagħtih hand-over tax-xogħol li jsir fi ħdan l-Uffiċċju tal-President, hand-over tal-Malta Community Chest Fund Foundation, u hand-over ta’ inventarji.
Apparti dawn il-laqgħat, saru wkoll diversi laqgħat bejn l-uffiċċjali tas-Segretarjat tal-President Coleiro Preca, u s-Segretarjat tal-President Nominat, Dr George Vella, fejn tlaqqgħu man-nies u ġew diskussi d-diversi proċeduri tal-ħidma tal-Uffiċċju tal-President.
Illum, fil-Palazz ta’ San Anton, il-President Coleiro Preca għaddiet l-inventarji kkumpilati minn Heritage Malta tal-wirt storiku u kulturali li jinsabu fil-Palazzi Presidenzjali, fosthom anke inventarju tar-rigali tal-istat li l-President Coleiro Preca rċeviet tul dawn il-ħames snin, u li jinsabu għall-wiri b’mod permanenti fil-Palazz, il-Belt Valletta
Ġie mgħoddi wkoll katalgu tal-kotba, li jinsabu fil-Librerija Anton Buttigieg li tinsab fil-Palazz ta’ San Anton, u li twaqqfet bl-inizjattiva tal-President Coleiro Preca bħala mill-proġett ta’ restawr estensiv li sar fl-istess palazz. Dan kien mgħoddi mir-rappreżentanti tal-Malta Libraries u tal-Akkademja tal-Malti, li kienu ġew appuntati mill-President Coleiro Preca bħala l-kustodji ta’ din il-Librerija.
Intant, l-istazzjon ONE se jkun qed ixandar programm speċjali nhar il-Ħamis li ġej fit-8:15 ta’ filgħodu.